FAQs (Malti)


1X’inhi x-xjenza tat-triq?

Dan hu metodu ġdid ta’ riċerka, fejn il-pubbliku inġenerali, u mhux xjenzati professjonisti, ikunu r-riċerkaturi ewlenin. Għalkemm hija dixxiplina ġdida, ix-xjenza tat-triq diġà ntużat f’oqsma bħall-astronomija, l-entimoloġija u l-ornitoloġija u tat riżultati tajbin.

2Għaliex qiegħed isir proġett dwar l-Għasafar tal-Bejt?

L-Għasafar tal-Bejt issibhom kullimkien, imma ftit sar studju fuqhom. Għalhekk huma l-għażla ideali għal proġett tax-xjenza tat-triq. Il-biodiversità urbana hija importanti b’mod partikulari f’Malta, minħabba li tant nies jgħixu fl-ibliet u ftit li xejn joħorġu fil-kampanja. Barra minn hekk, l-għarfien tas-siti wżati mill-Għasafar tal-Bejt sejjer jgħinna biex inkunu nistgħu nipproteġu aktar is-siġar fl-abitat.

3Min mhux Malti xorta jista’ jieħu sehem?

Dażgur! Il-proġett għandu l-għan li jinvolvi l-komunità kollha. Jekk Malti, barrani li tgħix Malta jew viżitatur, għandna bżonn id-data tiegħek.

4Kif tistgħu tipproteġu l-għasafar bit-tagħrif miġbur?

Wara li nibnu mappa tar-roosts, sejrin inħejju rapport għall-awtoritajiet lokali, sabiex ikunu jistgħu jinfurmaw il-pjanijiet tal-iżvilupp urban.

5X’jiġri jekk l-istess roost jiġi rrekordjat minn żewġ persuni differenti?

Ma jkun ġara xejn. Minħabba li kull roost sejra tiġi vverifikata mill-ekoloġisti mħarrġa tal-Inspire, kull ma jiġri hu li l-proċess jitħaffef.

6Sibt ferħ t’Għasfur tal-Bejt. X’se nagħmel bih?

Jekk m’hemm l-ebda periklu madwaru, bħal klieb u qtates, ħallih hemm. Meta l-frieħ ikunu qegħdin jitgħallmu jtiru, spiss jaqgħu mill-bejta, imma l-ġenituri tagħhom jibqgħu jżoqquhom. Forsi tidher stramba, imma din hi parti mill-proċess tal-ħajja. L-aħjar li tagħmel hu li tħallih waħdu, jew (jekk tista’) poġġih lura fil-bejta, sintendi jekk tkun taf fejnha.

Aħsibha sew qabel ma tiġbor l-għasfur. Huwa vera diffiċli li ssalva ferħ fil-magħluq, u l-biċċa l-kbira minnhom imutu. Ikollhom ħafna aktar ċans li jsalvaw jekk ma tifridhomx mill-ġenituri. Minkejja l-almu kollu tagħna, ħadd ma jrabbihom tajjeb daqs ommhom u missierhom!

Jekk taħseb li l-għasfur qiegħed f’periklu kbir, iġbru, poġġih f’kaxxa tal-kartun u ċemplilna biex ngħinuk. Tippruvax titimgħu jew ittih x’jixrob, u imxi mal-istruzzjonijiet tagħna. Ħafna nies mingħalihom li l-ħobż u l-ħalib huma tajbin għall-għasfur, imma dan mhux minnu. Għalhekk, jekk jogħġbok ċemplilna biex inkunu nistgħu ngħinuk bit-tagħrif li nagħtuk.

In-numru tagħna hu 21347646 u l-linja hi attiva 24/7.

7Sibt Għasfur tal-Bejt ferut. X’għandi nagħmel?

Iġbru, poġġih f’kaxxa tal-kartun, taqqab ftit toqob għan-nifs u poġġi l-kaxxa f’post kwiet u mudlam. Imbagħad ċemplilna fuq 21347646-9. Nagħmlu minn kollox biex l-għasfur jingħata l-aħjar kura veterinarja possibli.

8Tal-Bejt ibejtu fin-nestboxes?

Iva. Tista’ tpoġġi waħda fil-ġnien, fil-gallerija jew fuq il-bejt.

Spot a Sparrow Submit Your

Sighting